Wednesday, April 7, 2010

Inauguration speeech held by the Hon. Prime Minister Lawrence Gonzi (6-4-2010)

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU FL-OKKAŻJONI TAL-INAWGURAZZJONI TA’ WIRJA ARTISTIKA TAS-SUR CHRISTOPHER SALIBA - BERĠA TAL-ITALJA, L-BELT VALLETTA – IT-TLIETA, 6 TA’ APRIL 2010

Waqt li l-arti m’ għandhiex skop utilitarju dirett, immedjat, kif għandhom bosta oqsma tal-ħajja tal-bniedem, bħall-politika u l-ekonomija, madankollu l-arti tikber u tgħix madwarna kullimkien, f’forom mill-aktar diversi. Hemm din id-diversità qabelxejn bejn epoka artistika u oħra, u saħansitra bejn artist u ieħor tal-istess epoka. L-artist innifsu jvarja minnu nnifsu, għaliex jesperimenta, jiddiversifika apposta u jgħaddi minn fażijiet varji.

L-arti hi anki ogħla mill-utilità normali magħrufa, għaliex tgħin lill-bniedem jilħaq il-milja tiegħu. Bl-arti l-bniedem isir aħjar, jibni l-valuri tajba tiegħu, jevita li jissimplifika, u fuq kollox isir prudenti, rispettuż. L-arti mela hi forma ta’ rispett lejn kollox u kulħadd. L-arti tfittex li teduka, temanċipa, u tirrivela dak kollu li huwa sabiħ u sublimi fin-natura, fil-bniedem stess.

Ma nistgħux nimmaġinaw ambjent uman mingħajr arti. Hekk kien sa mill-bidu nett, mill-ewwel sforzi ta’ espressjoni kreattiva sa l-aħħar sforzi fi żmienna, żmien it-teknoloġija. L-arti tfittex li tikkompeti magħha nnifisha, mal-forom kollha tal-għixien biex tipprovdi verżjoni tar-realtà, u forsi twassalna anki biex nersqu lejn il-verità.

Minn hawn ġej l-impenn doveruż tal-Gvern li jikkoltiva l-arti, jippreserva l-prodott kreattiv tal-imgħoddi, jerfgħu fil-kollezzjonijiet tal-mużewijiet, u jiftaħ il-mużewijiet u jaħdem biex jarahom mimlijin bin-nies, proprju biex isiru dejjem aktar postijiet ħajjin, vivaċi, dinamiċi b’dak kollu li mhux biss ifakkar fl-imgħoddi imma jfakkar ukoll dwar dak kollu li huwa l-preżent, il-preżent li huwa aħna stess, illum u hawn. Lilna l-kontemporanji, l-arti kontemporanja tikkomunikalna u twasslilna l-messaġġi sbieħ u veri tagħha. Kollox għandu minnu nnifsu messaġġ, u kollox huwa messaġġ. B’mod mill-aktar prominenti l-arti hi l-forma tal-messaġġ. L-istorja kollha tal-bniedem turina dan minn żmien għal ieħor u dejjem, konsistentement.

Kull forma ta’ arti għandha dik ix-xi ħaġa speċifika li tagħmilha differenti, u li allura twassalha biex tiġbed l-attenzjoni u ċċaqlaq lill-qalb u lill-moħħ, u twassal il-messaġġ tagħha lill-ispirtu uman li jersaq lejha b’kurżità, b’gost, bil-ħsieb li jkun skopert xi aspett jew ieħor tal-ħajja. L-apprezzament tal-arti għalhekk huwa utli ħafna, u għalhekk ukoll jifforma parti mill-edukazzjoni ta’ wliedna.

L-arti varja hija studjata fil-livelli kollha tal-edukazzjoni tagħna. U hija l-intenzjoni qawwija tagħna li naraw l-arti tikseb dejjem aktar l-importanza naturali tagħha fil-ħajja ta’ kulħadd, u qabelxejn fil-postijiet edukattivi, fejn uliedna jridu jarrikkixxu l-ispirtu, il-morali tagħhom b’opri li juruhom is-sabiħ u l-veru b’mod attraenti, istruttiv.

F’din l-okkażjoni qegħdin niċċelebraw il-kontribut tal-artist Christopher Saliba, artist li llum huwa magħruf u apprezzat għat-tħaddim ta’ diversi mezzi artistiċi bħalma huma l-pittura u t-tpinġija, l-iskultura, il-video, l-istallazzjoni u mezzi oħrajn. Huwa jwassal sikwit ħsieb filosofiku li jistedinna biex nieqfu, napprezzaw u fuq kollox nirriflettu dwar il-ħajja. L-arti ta’ Christopher Saliba għandha skop evidenti ta’ komunikazzjoni li trid tirnexxi billi tħalli ħsieb jew sentiment fina. Ħarsa lejn ix-xogħlijiet diversi tiegħu turi minnufih, anki mill-ewwel daqqa t’għajn, li taħt il-forma ta’ xogħlijiet differenti hemm ħsieb insistenti, fundamentali, wieħed. Il-mortalità u l-eternità, id-dinja materjali u d-dinja spiritwali, it-tajjeb u l-ħażin, il-wiċċ tal-affarijiet u l-qiegħ profond u moħbi tagħhom ..... dawn huma kollha temi u aspetti li Christopher Saliba qiegħed jippreżenta b’mod tassew impressjonanti, li jolqotna u jistedinna nieqfu u naħsbu miegħu.

Huwa pjaċir kbir tiegħi llum li ninsab hawn biex nara bħalkom din il-wirja tax-xogħlijiet ta’ Christopher Saliba, vuċi Maltija minn Għawdex. Waqt li nifraħ magħkom lill-artist għal dan l-appuntament sabiħ li qiegħed joffri lilna u lill-pubbliku in ġenerali, bi pjaċir niddikjara din il-wirja miftuħa.


DOI – 07.04.2010